L-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede ħabbar li l-funeral tal-Papa Franġisku se jsir nhar is-Sibt li ġej, 26 ta’ April fl-10am fi Pjazza San Pietru.
Il-Kardinal Giovanni Battista Re, id-Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali, se jippresiedi l-quddiesa, li fiha se jikkoncelebraw patrijarki, kardinali, arċisqfijiet, isqfijiet u saċerdoti minn madwar id-dinja.
Iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika se tispiċċa bl-Ultima commendatio u l-Valedictio, li jimmarkaw il-bidu tan-Novemdiali: id-disat ijiem ta’ luttu u quddies għal ruħ il-Papa Franġisku.
Il-katavru tal-Papa mbagħad se jittieħed fil-Bażilika ta’ San Pietru u wara fil-Bażilika ta’ Santa Marija Maġġuri għad-difna.
Għada l-Erbgħa, it-tebut bil-katavru tal-Papa se jinġarr mill-kappella f’Casa Santa Marta lejn il-Bażilika ta’ San Pietru, sabiex il-fidili jkunu jistgħu jagħtuh l-aħħar tislima.
Il-Kardinal Kevin Farrell, il-Kamelengu tal-Knisja Rumana, se jippresiedi r-rit tat-traslazzjoni fit-23 ta’ April, li se jibda fid-9am b’mument ta’ talb.
Skont l-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede, il-purċissjoni se tgħaddi minn Pjazza Santa Marta u minn Pjazza tal-Protomartiri Rumani.
Imbagħad tkompli lejn l-Arka tal-Qniepen fi Pjazza San Pietru u tidħol fil-Bażilika tal-Vatikan mill-bieb prinċipali.
Il-Kardinal Farrell se jippresiedi l-Liturġija tal-Kelma quddiem l-altar maġġuri u fi tmiemha jibdew iż-żjarat għall-katavru tal-Papa Franġisku.
Test: Arċidjoċesi ta’ Malta