Ara għalfejn il‑Knisja tal‑Armata ġiet ddedikata lil Nazju Falzon...
Min kien il-Beatu Nazju Falzon?
Kattoliċi Maltin
9 min qari

B’Digriet mogħti nhar l-Erbgħa, 1 ta’ Lulju 2026, mill-E.T. Mons. Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta, il-kappella storika fil-Barracks ta’ Ħal Luqa ġiet formalment istitwita bħala l-“Knisja tal-Forzi Armati ta’ Malta” u ddedikata bit-titlu patronali lill-Beatu Nazju Falzon.
Ibqa' aġġornat/a bl-aħbarijiet il-ġodda bl-email.

Mons. Isqof Awżiljarju jaqra d-digriet
Ilbieraħ, dan id-Digriet inqara u ġie ppreżentat waqt ċelebrazzjoni solenni mmexxija mill-E.T. Mons. Joseph Galea-Curmi, Isqof Awżiljarju ta’ Malta, flimkien mal-Kappillan Ewlieni tal-Forzi Armati, il-Kaptan Joe Meli, u l-Kappillan Logutenent Sergio Fenech.

Id-Digriet minn Mons. Arċisqof
X'Qal l-Isqof Awżiljarju
"L-uniformi tagħti awtorità imma hi l-integrità li tagħti kredibbiltà. Id-dixxiplina tagħti ordni imma hi l-imħabba li tagħti wiċċ uman lis-servizz" - L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
L-Isqof spjega kif Nazju Falzon fehem li hemm battalja aktar profonda minn kull kunflitt militari: il-ġlieda biex il-bniedem jibqa’ fidil lejn Alla u l-kuxjenza tiegħu. Żied jgħid li "mhux kull ġurnata tkun waħda ta’ avvenimenti straordinarji. Ħafna drabi l-fedeltà tidher fil-qadi ta’ kuljum: fid-dover magħmul tajjeb u bir-reqqa, fil-lealtà lejn il-kollegi, fir-rispett lejn il-persuna, fl-onestà meta ħadd ma jkun qed jara. Hekk jinbena l-karattru. Hekk jinbena nazzjon".
Stieden lill-membri biex isibu f’din il-knisja lil Ġesù, il-Prinċep tal-Paċi, u jkunu xhieda ta’ rispett, ġustizzja u tal-valuri li fuqhom mibnija Malta. Talab ukoll biex Nazju Falzon jipproteġihom, lill-familji tagħhom u lil dawk kollha li servew jew qed iservu lill-pajjiż.
Il-Beatu Nazju Falzon għadda parti kbira minn ħajtu jilqa’, jgħin u jgħallem b’imħabba lil għadd kbir ta’ membri tal-Forzi Armati stazzjonati f’pajjiżna matul is-seklu dsatax. Illum huwa meqjus bħala l-Patrun tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Min kien il-Beatu Nazju Falzon?

Il-Beatu Nazju Falzon
Nazju Falzon twieled fl-1 ta’ Lulju 1813 f’familja magħrufa. Ta’ 15-il sena libes l-abitu klerikali u rċieva l-ewwel tonsura. Ta’ 20 sena kiseb lawrja fid-Dritt Kanoniku u Ċivili, wara li kien diġà rċieva l-Ordni Minuri.
Huwa qatt ma eżerċita l-professjoni ta’ avukat u lanqas ma aċċetta l-ordinazzjoni saċerdotali, għaliex kien iħossu mhux denju ta’ din il-missjoni. Minflok, iddedika ħajtu għat-talb, għall-adorazzjoni Ewkaristika, għall-meditazzjoni u għat-tagħlim tal-katekiżmu.
L-appostolat tiegħu kien marbut b’mod partikolari mas-suldati Brittaniċi stazzjonati fil-Belt Valletta, li dak iż-żmien kienet tgħodd madwar 20,000 suldat. Huwa beda jorganizza laqgħat ta’ talb u lezzjonijiet tal-katekiżmu għall-militari Kattoliċi.
Permezz tal-ħbiberija u tal-fiduċja li bena wkoll ma’ suldati mhux Kattoliċi u mhux Insara, wassal lil ħafna minnhom lejn il-fidi Kattolika. Dokumenti storiċi jirreferu għal aktar minn 600 konverżjoni.
Madankollu, huwa baqa’ jirrispetta lil dawk li għażlu li jibqgħu fil-fidi tagħhom, u għalhekk huwa meqjus bħala pijunier tad-djalogu ekumeniku. F’din il-missjoni kien megħjun minn diversi lajċi, li wħud minnhom aktar tard daħlu huma wkoll fl-istat klerikali.
Nazju Falzon miet proprju f’għeluq it-52 sena tiegħu, fl-1 ta’ Lulju 1865. Il-fama tal-qdusija tiegħu malajr infirxet f’Malta, fir-Renju Unit u fil-pajjiżi fejn emigraw il-Maltin.

Il-Qabar tal-Beatu Malti
Il-kawża tal-beatifikazzjoni tiegħu bdiet fl-1892. Fl-1987, il-Papa Ġwanni Pawlu II ddikjara li Nazju Falzon kien għex il-virtujiet Insara fi grad erojku. Il-miraklu attribwit għall-interċessjoni tiegħu kien il-fejqan ta’ persuna minn kanċer gastriku li kellu pronjosi serja ħafna.
Il-Qabar ta' dan il-Beatu Malti jinsab fil-Knisja ta' Ġieżu ġewwa l-Belt Valletta u huwa ċentru ta' devozzjoni.
Agħmel Il-Ġid, Ixxerja dan l-Artiklu...
“Morru fid-dinja kollha u xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu.” — Ġesù Kristu
