Festi u Baned · 30 ta' Lulju 2026

X'inhi "l‑Kwindiċina" ta' Santa Marija

Bidu tal-Kwindiċina – imma x’inhi l-Kwindiċina?

Agħfas Hawn u Ikteb Artiklu int ukoll
AZ

Adrian Zahra

5 min qari

Ix-Xbieha ta' Santa Marija meqjuma b'għożża kbira fil-Parroċċa ta' Ħal Għaxaq ta' Ħal Għaxaq
Ix-Xbieha ta' Santa Marija meqjuma b'għożża kbira fil-Parroċċa ta' Ħal Għaxaq ta' Ħal Għaxaq
SOSTNI MEDIA KATTOLIKA
Irreklama hawnhekk
KELLIMNA HAWN

Il-Kwindiċina hija perjodu ta’ ħmistax-il jum ta’ talb u tħejjija spiritwali li jwassalna għall-festa solenni tat-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Marija, magħrufa fostna bħala l-festa ta’ Santa Marija jew l-Għid tal-Assunta, li tiġi ċċelebrata fil-15 ta’ Awwissu. Interessanti f'Malta il-Kwindiċina 30 ta' Lulju u Għawdex tibda fil-31 ta' Lulju.

L-isem “Kwindiċina” ġej proprju mill-kelma “ħmistax”, għaliex din id-devozzjoni tinfirex fuq ħmistax-il jum. Matulhom, il-poplu Nisrani jkun mistieden iħejji qalbu permezz tat-talb, tas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, tas-sagramenti, tal-opri ta’ karità u, fejn hu possibbli, ta’ xi forma ta’ sawm jew penitenza.

Ibqa' aġġornat/a bl-aħbarijiet il-ġodda bl-email.

Fil-Knejjes tal-Lvant, din il-festa hija magħrufa bħala d-Dormizzjoni tal-Omm ta’ Alla. Il-kelma “Dormizzjoni” tfisser ir-“raqda” jew it-tmiem tal-ħajja fuq l-art tal-Verġni Marija. Għall-Insara tal-Lvant, din hija waħda mill-akbar festi Marjani tas-sena liturġika. Bi tħejjija għaliha, il-Knisja Ortodossa tosserva s-Sawma tad-Dormizzjoni mill-1 sal-14 ta’ Awwissu, żmien immarkat minn sawm, talb u ċelebrazzjonijiet speċjali f’ġieħ il-Madonna.

B’ċertu mod, il-Kwindiċina tista’ titqabbel mar-Randan. Bħalma matul ir-Randan l-Insara jħejju ruħhom għall-misteru tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu, hekk ukoll matul il-ġranet ta’ Awwissu l-fidili huma mistiedna jħejju ruħhom biex jiċċelebraw il-glorifikazzjoni ta’ Marija. Din mhijiex sempliċement stennija għal festa popolari, iżda mixja ta’ konverżjoni, tiġdid u qrubija akbar lejn Kristu, fuq l-eżempju ta’ Ommu.

Il-qima lejn il-Verġni Marija u ċ-ċelebrazzjoni tat-tmiem glorjuż tal-ħajja tagħha għandhom għeruq antiki ħafna fil-ħajja tal-Knisja. Għalhekk, it-twemmin fl-Assunta ma bediex fl-1950. Għal sekli sħaħ kien diġà preżenti fil-fidi tal-poplu, fit-tagħlim tal-Missirijiet tal-Knisja u fil-liturġija kemm tal-Lvant kif ukoll tal-Punent.

Nhar l-1 ta’ Novembru 1950, permezz tal-Kostituzzjoni Appostolika Munificentissimus Deus, il-Papa Piju XII pproklama solennement bħala domma ta’ fidi li l-Immakulata Omm Alla, Marija dejjem Verġni, wara li temmet il-mixja tagħha fuq din l-art, ġiet imtellgħa bil-ġisem u bir-ruħ fil-glorja tas-Sema.

Id-domma tafferma li fi tmiem il-ħajja tagħha fuq l-art, Marija ma ġarrbitx it-taħsir tal-qabar, imma ġiet imsieħba b’mod sħiħ fil-glorja ta’ Binha Rxoxt bir-ruħ u bil-ġisem.

L-Assunta hija għalhekk festa ta’ tama għall-bnedmin kollha. F’Marija naraw minn qabel dak li Alla jwiegħed lil dawk li jingħaqdu ma’ Kristu: il-qawmien mill-imwiet u l-ħajja ta’ dejjem. Marija hija l-ewwel fost il-mifdija li ħadet sehem b’mod sħiħ fir-rebħa ta’ Kristu fuq id-dnub u l-mewt.

Ix-xahar ta’ Awwissu għalhekk jitqies, b’mod partikulari, bħala żmien Marjan. F’Malta u Għawdex dan jinħass ħafna permezz tal-knejjes iddedikati lill-Assunta, il-festi titulari, il-purċissjonijiet, in-noveni, il-ħmistaxijiet, ir-rużarju u diversi espressjonijiet oħra ta’ devozzjoni popolari.

Madankollu, il-Kwindiċina ma għandhiex tkun biss żmien ta’ tiżjin, marċi u ċelebrazzjonijiet esterni. Is-sbuħija tal-festa tilħaq il-milja tagħha meta tkun akkumpanjata minn tħejjija interjuri: Qrar tajjeb, parteċipazzjoni fil-Quddiesa, talb personali u fil-familja, qari tal-Iskrittura, maħfra, għajnuna lill-batut u impenn biex ngħixu ħajja aktar Nisranija.

Matul dawn il-ħmistax-il jum, ejjew inħarsu lejn Marija bħala l-mara tal-fidi, tas-smigħ u tal-ubbidjenza lejn Alla. Hi li qalet: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej”, turina kif nilqgħu r-rieda ta’ Alla f’ħajjitna. Hi li baqgħet wieqfa taħt is-Salib tgħallimna nibqgħu fidili anki fit-tbatija. U hi, imtellgħa fis-Sema, tfakkarna li l-aħħar kelma fuq ħajjitna mhijiex il-mewt, iżda l-ħajja ta’ dejjem.

Għalhekk, f’dan il-bidu tal-Kwindiċina, ejjew nitolbu lill-Verġni Marija biex tmexxina dejjem lejn Binha Ġesù, issaħħaħna fil-fidi, tgħinna ngħixu fl-imħabba u tħejjina biex, bħalha, naslu għall-glorja li Alla ħejja għalina.

Santa Marija Mtellgħa s-Sema, Itlob għalina

Agħmel Il-Ġid, Ixxerja dan l-Artiklu...

“Morru fid-dinja kollha u xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu.” — Ġesù Kristu

SOSTNI MEDIA KATTOLIKA
Irreklama hawnhekk
KELLIMNA HAWN
Abbona b'xejnKattoliċi Maltin
Ibqa' aġġornat/a

Irċievi l-aħħar aħbarijiet direttament

Ħalli d-dettalji tiegħek u nibagħtulek l-artikli l-ġodda bl-email.

Id-dettalji tiegħek jinżammu b'mod sigur, ma jinbiegħu jew jinqasmu ma' ħadd, u jintużaw biss biex nibagħtulek l-aħbarijiet tagħna (GDPR). Aqra iktar dwar kif nipproteġu d-dejta tiegħek fil- Privacy Policy.