Il‑Miraklu tal‑Madonna tas‑Silġ u Malta
Aktar dwar il-Festa ta' llum
Kattoliċi Maltin
7 min qari

Din il-festa hija marbuta ma' tradizzjoni antika li tmur lura għar-raba' seklu. Skont it-tradizzjoni, fil-lejl ta' bejn l-4 u l-5 ta' Awwissu, il-koppja nobbli Rumana Ġwanni u martu kellhom dehra tal-Madonna, li talbithom jibnulha knisja fil-post li hi kienet se turihom. Fl-istess ħin, il-Papa Liberju wkoll kellu l-istess dehra.
Ibqa' aġġornat/a bl-aħbarijiet il-ġodda bl-email.

B'mod tal-għaġeb, matul dak il-lejl sħun tas-sajf Ruman, niżel is-silġ fuq l-Għolja Esquilina – ġrajja straordinarja għal Ruma, fejn is-silġ huwa rari ħafna, speċjalment fis-sajf. Dan tqies bħala s-sinjal li fuqu kellha tinbena l-knisja ddedikata lill-Madonna. Skont it-tradizzjoni, il-Papa Liberju fassal il-perimetru tal-knisja fuq il-post fejn kien waqa' s-silġ.
Aktar tard, wara l-Konċilju ta' Efesu (431 W.K.), li ddikjara uffiċjalment lil Marija bħala Omm Alla (Theotokos), inbniet il-Bażilika Papali ta' Santa Marija Maggiore, li llum hija l-eqdem u l-aktar bażilika importanti fil-Punent iddedikata lill-Verġni Marija.

Id-devozzjoni lejn il-Madonna tas-Silġ infirxet madwar id-dinja kollha u nsibuha wkoll f'Malta. F'Marsaxlokk hemm il-Kappella tal-Madonna tas-Silġ, fiż-żona magħrufa bħala Tas-Silġ. Fl-1933, il-kappella, flimkien ma' palazz antik u l-art tal-madwar, għaddiet għand il-Karmelitani Tereżjani, li bnew kunvent li serva għal ħafna snin bħala dar reliġjuża. Mill-1984, il-kunvent ilu jservi bħala Dar tat-Talb.

Knisja Madonna tas-Silġ Marsaxlokk (Rayden Mizzi)
Rabta sabiħa oħra ma' Santa Marija Maggiore hija dik tal-Grotta ta' Sidtna Marija tal-Għar fir-Rabat. Fl-1901, il-Patri Dumnikan Beneditt Bonnici, magħruf għall-ħidma pastorali u d-devozzjoni kbira tiegħu lejn il-Madonna, ħadem sabiex il-Grotta tiġi affiljata mal-Bażilika Papali ta' Santa Marija Maggiore f'Ruma. Din l-affiljazzjoni ngħatat permezz ta' digriet tal-Kardinal Arċipriet tal-Bażilika, Vincenzo Vannutelli, u ġabet magħha l-istess privileġġi spiritwali u indulġenzi marbuta mal-Bażilika Rumana.

Knisja Madonna tal-Għar Rabat
Il-Grotta ta' Sidtna Marija tal-Għar hija miftuħa kuljum għat-talb u għall-pellegrinaġġi. Il-fidili jistgħu jiksbu l-indulġenza skont in-normi tal-Knisja, jiġifieri billi jżuru u jitolbu f’dan il-post qaddis bl-intenzjoni li jieħdu l-indulġenza, iqerru, jitqarbnu, jitolbu għall-intenzjonijiet tal-Papa u jkollhom dispożizzjoni ta' distakk minn kull dnub, anke venjali.
Agħmel Il-Ġid, Ixxerja dan l-Artiklu...
“Morru fid-dinja kollha u xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu.” — Ġesù Kristu
