ARA: Iż‑Żgħażagħ Rabtin ġewwa Assisi
“Esperjenza mill-Isbaħ”
Kattoliċi Maltin
6 min qari
Grupp ta’ żgħażagħ mill-Grupp Tiberija tal-Parroċċa tar-Rabat qattgħu ħamest ijiem f’Assisi, f’pellegrinaġġ li wassalhom biex jiskopru aktar il-ħajja u l-ispiritwalità ta’ San Franġisk.
Ibqa' aġġornat/a bl-aħbarijiet il-ġodda bl-email.

Matul il-vjaġġ żaru diversi postijiet marbuta mal-qaddis, fosthom il-Bażilika ta’ San Franġisk, il-La Verna u l-Eremo delle Carceri fost oħrajn. Kif spjega Fr Karl Andrew Schembri l-għan kien li “nitgħallmu minn San Franġisk kemm hi importanti li nagħmlu għażla għall-fidi u għal Ġesù fil-ħajja tagħna.”

Waħda mill-esperjenzi li ħalliet l-akbar impatt kienet iż-żjara fil-Bażilika ta’ San Franġisk. Parteċipant spjega li laqtu “s-sens ta’ ġabra, is-sens ta’ serjetà u skiet,” filwaqt li familja li kienet qed tattendi għall-ewwel darba qalet li, minkejja l-isfidi ta’ mixjiet twal mat-tfal, kienet esperjenza li tibqa’ tfakkarhom fil-ħajja sempliċi ta’ San Franġisk.

Mumenti oħra li spikkaw kienu ż-żjara quddiem il-qabar ta’ Carlo Acutis, deskritta bħala waħda emozzjonanti, kif ukoll il-mixja fil-La Verna u l-ħin ta’ talb flimkien fuq il-muntanja. Il-grupp iltaqa’ wkoll ma’ grupp ieħor ta’ żgħażagħ Maltin.

Pellegrinaġġi bħal dawn huma importanti għaż-żgħażagħ, għax jagħtuhom l-opportunità joħorġu mill-ħajja ta’ kuljum, jiltaqgħu ma’ oħrajn u jistaqsu lilhom infushom: “Jien verament x’irrid nagħmel bil-ħajja tiegħi? Verament kif għandi ngħix il-fidi tiegħi fil-ħajja ta’ kuljum?”
Jekk tixtieq tingħaqad ma’ grupp bħal dan inħeġġuk tkellimna DM.
Agħmel Il-Ġid, Ixxerja dan l-Artiklu...
“Morru fid-dinja kollha u xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu.” — Ġesù Kristu

