Aħbarijiet · 6 ta' Awwissu 2026

ARA: L‑Arċisqof jippubblika Sunett ġdid

Fl-Okkażjoni tal-Festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej

Kattoliċi Maltin

Kattoliċi Maltin

9 min qari

ARA: L-Arċisqof jippubblika Sunett ġdid
SOSTNI MEDIA KATTOLIKA
Irreklama hawnhekk
KELLIMNA HAWN

Il-Festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej, iċċelebrata kull 6 ta’ Awwissu, hija mument qawwi fil-ħajja tal-Knisja fejn aħna mistiedna nikkontemplaw il-glorja ta’ Kristu. F'din il-festa, nerġgħu ngħixu l-mument meta Ġesù wera d-divinità tiegħu fuq il-Muntanja Tabor quddiem Pietru, Ġakbu u Ġwanni bħala prefigurazzjoni tal-Qawmien tiegħu mill-mewt u tal-glorja li tistenniena lkoll.

Is-Sinifikat tat-Trasfigurazzjoni

L-Altar tat-Trasfigurazzjoni ġewwa l-Bażilika ta' San Pietru, il-Vatikan

L-Altar tat-Trasfigurazzjoni ġewwa l-Bażilika ta' San Pietru, il-Vatikan

Ibqa' aġġornat/a bl-aħbarijiet il-ġodda bl-email.

It-Trasfigurazzjoni mhijiex biss ġrajja tal-passat, iżda tista' tixħet dawl fuq il-ħajja tagħna ta’ kuljum. Kif fakkar il-Papa San Ġwanni Pawlu II, din il-festa tistedinna nħarsu lejn il-wiċċ ta’ Kristu, li huwa l-wiċċ tad-dawl li jfarrak il-misteru mudlam tal-mewt. Fuq il-muntanja, id-dixxipli raw il-glorja ta’ Ġesù, u din il-viżjoni kienet meħtieġa biex jifhmu li l-Passjoni u l-mewt fuq is-Salib mhumiex bħala t-tmiem, iżda bħala t-triq tiegħu lejn il-glorja tal-Qawmien.

Il-Knisja tgħallimna li, bħad-dixxipli, aħna wkoll imsejħin ninżlu mill-muntanja tat-Tabor biex ngħixu l-ħajja ta’ kuljum, imdawlin minn din il-fidi. Din. il-festa tfakkarna li aħna maħluqin għall-eternità.

Il-Poeżija u l-Knisja

Dun Karm Psaila

Dun Karm Psaila

L-użu tas-sunett u l-poeżija fil-ħajja tal-Knisja għandu għeruq antiki. Il-poeżija, bħala forma ta’ espressjoni spiritwali, għandha kapaċità unika li tmiss il-qalb u tesprimi dak li l-kliem ordinarju kultant jonqos milli jwassal. Il-Knisja dejjem għarfet li l-arti, u b’mod partikolari l-poeżija, tista’ tkun mezz qawwi ta’ evanġelizzazzjoni u kontemplazzjoni.

Tradizzjonalment, Dun Karm Psaila kien jikteb sunett kull sena għall-festa ta’ San Pawl. Illum, l-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Charles J. Scicluna, kompla din it-tradizzjoni sabiħa billi jikteb u jippubblika sunett kull sena, din id-darba, għall-festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej. Dan l-att mhuwiex sempliċiment eżerċizzju letterarju, iżda huwa mod kif l-Arċisqof jaqsam il-ħsieb spiritwali tiegħu mal-poplu.

Il-Ħsieb ta’ Faraġ

Mons. Arċisqof

L-Arċisqof ta' Malta

Fis-sunett tiegħu, l-Arċisqof Scicluna jfakkarna li dak Ġesù li wera l-glorja tiegħu fuq it-Tabor, huwa l-istess wieħed li jfarraġ lill-qlub imnikkta. Huwa jgħaqqad il-glorja tat-Tabor mal-misteru tas-Salib, u jfakkarna li dawk li raw il-glorja ta’ Kristu ma jitfixklux quddiem is-Salib, għax fih jaraw "it-tron tal-Ħniena."

ĦSIEB TA’ FARAĠ

Fid-dija ta’ jum ġdid imlibbes bl-hena

Mexxejt lil tlieta mis-sajjieda ħbiebek

U tlajt il-għolja li mill-qedem xhedet

L-għerf kbir u l-ġmiel li ma jintemmx ta’ ħsiebek

Ħsieb ħelu li lix-xhieda ta’ qawwietek

Li rawk issejjaħ mill-imwiet lit-tifla

Ta’ Ġajru w martu mtaqqlin bin-niket

Ma jitfixklux quddiem il-mewt u d-difna

Ma jitfixklux meta jarawk imdendel

Fuq Salib aħrax li jsir tron ta’ Ħniena

U waqt li jilmħu l-glorja tiegħek tiddi

Jilmħu fik faraġ ta’ kull qalb għajjiena

Faraġ Qaddis li jimla t-Tabor b’dija

Bih b’għaxqa wkoll illum qalbna mogħnija.

+ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

11 ta’ Lulju 2026

L-40 anniversarju mill-Ordinazzjoni Saċerdotali

Isma' lil Mons. Arċisqof jaqra dan is-Sunett hawnhekk:

Ejjew inħallu dan is-Sunett ikun għalina ta' opportunità biex aħna wkoll nieqfu, nikkontemplaw, u nħallu d-dawl tat-Trasfigurazzjoni jittrasforma l-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Agħmel Il-Ġid, Ixxerja dan l-Artiklu...

“Morru fid-dinja kollha u xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu.” — Ġesù Kristu

SOSTNI MEDIA KATTOLIKA
Irreklama hawnhekk
KELLIMNA HAWN
Abbona b'xejnKattoliċi Maltin
Ibqa' aġġornat/a

Irċievi l-aħħar aħbarijiet direttament

Ħalli d-dettalji tiegħek u nibagħtulek l-artikli l-ġodda bl-email.

Id-dettalji tiegħek jinżammu b'mod sigur, ma jinbiegħu jew jinqasmu ma' ħadd, u jintużaw biss biex nibagħtulek l-aħbarijiet tagħna (GDPR). Aqra iktar dwar kif nipproteġu d-dejta tiegħek fil- Privacy Policy.